Twelidt fid-10 ta’ April 1973, u, trabbejt u għext f’Birżebbuġa. Jien miżżewweġ lil Claire, għalliema, u għandna żewġt ibniet, Marta, avukata, u Tereza, studenta universitarja.
Ggradwajt bħala inġinier (mechanical) fl-1995 mill-Università ta’ Malta u ħadt il-warrant ta’ Inġinier wara li ksibt l-esperjenza neċessarja. Għandi wkoll diploma Livell 7 fl-Immaniġjar u l-Governanza.
Mill-1995, ħdimt ma’ Seifert Systems Ltd., kumpanija Ġermaniża, f’diversi rwoli maniġerjali relatati mal-kwalità, disinn, loġistika, u proċessi u sistemi effettivi u effiċjenti. Bħalissa għandi r-responsabilità ta’ 4.0 Industry Smart Factory Maniger.
Dan wassalni biex niżviluppa esperjenza vasta fis-settur industrijali u fl-innovazzjoni teknoloġika.
Fl-2004, bdejt l-involviment politiku tiegħi bħala membru tal-Kumitat Sezzjonali PN ta’ Birżebbuġa. Servejt f’diversi karigi fil-Partit Nazzjonalista, kemm distrettwali kif ukoll nazzjonali.
Bejn l-2012 u l-2022, kont membru fil-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa. Fl-2022, ġejt elett fil-Parlament ta’ Malta u nħtart kelliem għall-Ippjanar, Riċerka u Innovazzjoni, u aktar tard Shadow Minister għall-Ippjanar u l-Artijiet.
Irrid noffri stil ġdid ta’ politika. Nemmen f’politika onesta u trasparenti li tiffoka fuq il-benesseri tan-nies u ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Irrid nagħmel politika b’saħħitha, li tgħati s-setgħa lin-nies, ma tarhomx biss voti imma li tagħti każ tagħhom u tal-ħtiġijiet kuljum.